jesusandmary

 

11. IL-QAWMA MILL-IMWIET

Ilkoll irridu nemmnu li jum wiehed il-gisem taghna li jkun miet, jerga’ jiehu l-hajja u jinghaqad mar-ruh li tkun diga’ dehret quddiem Alla u minnu hadet gudizzju ta’ premju jew kastig. Bħalma Kristu hu tassew irxuxtat mill-mewt u jgħix għal dejjem, hekk ukoll huwa stess ser iqajjem mill-mewt lil kulħadd fl-aħħar jum, b’ġisem li ma jitħassarx: “dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna” (Ġw 5,29).

 

 

Bil-mewt, ir-ruħ tinfired mill-ġisem, il-ġisem tal-bniedem jara t-taħsir, waqt li r-ruħ, li ma tmut qatt, tiltaqa’ ma’ Alla għall-ġudizzju, u tibqa’ tistenna li tingħaqad mill-ġdid mal-ġisem li jqum trasformat, meta l-Mulej jerġa’ jiġi. Ma tistax tifhem kif iseħħ il-qawmien mill-imwiet għaliex dan imur ‘l hinn mill-immaġinazzjoni u l-intelliġenza tagħna.

Li tmut fi Kristu jfisser li tmut fil-grazzja ta’ Alla, mingħajr dnub mejjet. “Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll” (2 Tim 2,11).

 

 

 

 

 

12. IL-HAJJA TA’ DEJJEM.

Il-ħajja ta’ dejjem hi dik li tibda mill-ewwel wara l-mewt. Hi ma tintemm qatt. Qabilha għal kull persuna jkun hemm il-ġudizzju partikolari minn Kristu, l-imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Din il-ħajja ta’ dejjem tilħaq il-milja kollha tagħha bil-ġudizzju universali.

Il-gudizzju partikulari huwa l-ġudizzju li bih, kull bniedem, ma’ mewtu, jirċievi mingħand Alla fir-ruħ tiegħu li ma tmut qatt il-ħlas li jistħoqqlu skond għemilu u twemminu. Dan il-ħlas jikkonsisti fid-dħul fil-hena, minnufih jew wara purifikazzjoni xierqa, jew dannazzjoni minnufih għal dejjem fl-infern.

Dawk li jmutu fil-grazzja ta’ Alla u li huma safja perfettament jgħixu ma’ Ġesù u ma’ Marija, ma’ l-Anġli u mal-Qaddisin. B’hekk jiffurmaw il-Knisja tas-sema, fejn jaraw lil Alla “wiċċ imb’wiċċ” (1 Kor 13,12), jgħixu f’xirka ta’ mħabba mat-Trinità Qaddisa u jinterċedu għalina.

Il-purgatorju hu l-istat ta’ dawk kollha li jmutu fil-ħbiberija ma’ Alla, imma, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, għandhom bżonn tal-purifikazzjoni, biex jidħlu fil-hena tas-sema. Minħabba fix-xirka tal-qaddisin, il-fidili li għadhom pellegrini fuq l-art jistgħu jgħinu lill-erwieħ tal-purgatorju billi joffru għalihom talb ta’ suffraġju, b’mod partikolari s-Sagrifiċċju ewkaristiku, kif ukoll b’għotjiet ta’ karità, indulgenzi u atti ta’ penitenza.

L-infern jikkonsisti fit-telfien ta’ dejjem ta’ dawk li b’għażla ħielsa tagħhom imutu fid-dnub il-mejjet. L-akbar kastig ta’ l-infern hu l-firda għal dejjem minn Alla li fih biss il-bniedem jista’ jkollu l-ħajja u l-hena li għalihom ġie maħluq u li tant jixtieq. Kristu jesprimi din ir-realtà bil-kliem: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem” (Mt 25,41). Ta min jghid li Alla ma jridx ilmewt tal-bniedem izda li dan isalva. Alla, għalkemm jixtieq “li kulħadd jersaq għall-indiema” (2 Pt 3,9), madankollu, billi ħalaq lill-bniedem ħieles u responsabbli, jirrispetta d-deċiżjonijiet tiegħu. Għalhekk, hu l-istess bniedem li fl-użu tal-libertà tiegħu jitbiegħed minn rajh mill-għaqda ma’ Alla jekk, sal-waqt tal-mewt tiegħu, jippersisti fid-dnub il-mejjet, u jirrifjuta l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla.

L-aħħar ġudizzju (universali) ser ikun jikkonsisti fis-sentenza għall-qawmien għall-ħajja jew għall-kundanna għal dejjem, li l-Mulej Ġesù, meta jiġi bħala mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin, jagħti kemm “lit-tajbin u kemm lill-ħżiena” (Atti 24,15), miġbura kollha flimkien quddiemu. Wara dan l-aħħar ġudizzju, il-ġisem irxuxtat jieħu sehem mill-premju li r-ruħ irċeviet fil-ġudizzju partikolari. Dan il-ġudizzju jseħħ fl-aħħar tad-dinja, li tagħha Alla biss jaf il-jum u l-ħin.

Il-Kredu jintemm bil-kelma Ammen Il-Kelma Lhudija “Amen”, li tagħlaq ukoll l-aħħar ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa, xi talb tat-Testment il-Ġdid u t-talbiet liturġiċi tal-Knisja, tfisser l-“iva” fiduċjuża u totali tagħna għal dak kollu li nistqarru u nemmnu fih, filwaqt li nafdaw għal kollox f’dak li huwa nnifsu l-“Amen” (Apk 3,14), definittiv: Kristu l-Mulej.

Make a free website with Yola