jesusandmary

 

GĦALIEX ?

 

Għaliex ħija lill-Kbir Alla

B’dak ilsienek toffendih?

Forsi ma tafx li int u jien

Nitħarrku u ngħixu fiH?

 

Għaliex tmaqdar lil min ħalqek?

Li f’idejh iżomm xortik

Li tant ħabbek, bagħat lil Ibnu

Sabiex b’demmu Hu jifdik!

 

Għaliex inti b’qalb ingrata

Tweġġa’ lill-Missier Qaddis?

Forsi tinsa kemm iħobbok

U għaliH kemm int għażiż.

 

Qatt ħsibt li kull nifs li tieħu

Hu tiegħu u mhux tiegħek?

Ma’ kull taħbita ta’ qalbek

Hu jimxi pass, pass miegħek.

 

Ieqaf ftit ħares madwarek

Miss b’idejk ir-risq u l-ġid

Illi għogbu jipprovdilek

Dak li Hu tal-ħajja s-Sid.

 

Għaliex tkasbar, ħabib tiegħi,

Isem Kristu tant sabiħ?

Possibbli m’għaraftx biżżejjed

Li jistħoqqlu l-ogħla ġieħ?

 

Għaliex tkasbar l-Ostja Mqaddsa

Ta’ Kristu l-Ġisem u d-Demm?

Ersaq duq il-benna Tiegħu

Hu jeħilsek minn kull hemm!

 

Għaliex ħija, lill-Madonna

Tant tweġġagħha b’dak il-fomm?

Waqt li Hi tgħożżok u tħobbok

Bl-imħabba ħelwa ta’ omm.

 

 X’sejjer tirbaħ billi tidgħi?

Saħta fuqek biss iġġib

Fuq familtek, fuq pajjiżek,

Paċi f’qalbek m’intx se ssib.

 

Kun af żgur li meta tidgħi

Dan il-vizzju se jbaxxik

Tkun mistmerr mill-bniedem serju

U appoġġ żgur ħadd ma jtik.

 

Uża dak l-ilsien li silfek

Użah tajjab ma’ kulħadd

Bih agħmel il-ġid  lill-għajrek

U lil Alla tkasbru qatt.

 

Anzi bierku, faħħru dejjem

Kull fejn tkun kabbru bis-sħiħ

Agħti xhieda ta’ tjubitu

B’fommok, b’qalbek ibq’għollieh!

 

Ftakar li s-siegħa għad tasal

Ma tafx meta u fi xħin

Li hemm fuq inti għad tidher

Quddiem l-Imħallef Divin.

 

Dur lejn Alla, itlob maħfra,

Umilja ruħek, la tibżax.

Tinsiex Kristu ċċekken qablek

Li jmut għalik ma beżax.

 

Ħares lejH fuq l-għuda msallab

U tibqax tiddisprezzah

Mur f’riġlejh fl-Ewkaristija

U tieqafx tirringrazzjah.

 

Erfa’ ħarstek lejn Marija

B’ilsienek iżjed tkasbarhiex.

Berikha, itlobha, ħobbha

U minn ħajtek twarrabhiex.    

 

Maria Grima

 

Make a free website with Yola